AI Act Documents:

Scientific Panel Implementing Act

beta

This implementing regulation establishes the scientific panel of independent experts to support the enforcement of the EU AI Act. The panel assists the AI Office and national market surveillance authorities by evaluating general-purpose AI models, assessing systemic risks, and providing expert guidance on technical matters.

Language

These are the complete, official texts exactly as published in the Official Journal of the European Union. Please report issues to websites@futureoflife.org.

Scientific Panel of Independent Experts

Commission Implementing Regulation (EU) 2025/454 of 7 March 2025

KAPITOLU I
Dispożizzjoni Ġenerali Iftaħ bħala paġna

Artikolu 1: Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni Iftaħ bħala paġna

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward:
(a) tal-istabbiliment u l-operat ta’ bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali;
(b) ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti dettaljati għall-bord xjentifiku u l-membri tiegħu biex joħorġu allerti kwalifikati u biex jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju għall-IA għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku.
KAPITOLU II
Stabbiliment U Operat Tal-Bord Xjentifiku Iftaħ bħala paġna

Artikolu 2: Stabbiliment tal-bord xjentifiku Iftaħ bħala paġna

B’dan huwa stabbilit il-bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (il-“bord xjentifiku”).

Artikolu 3: Kriterji tal-għażla u kompożizzjoni tal-bord xjentifiku Iftaħ bħala paġna

1. L-esperti għandhom jinħatru fil-bord xjentifiku wara sejħa għal espressjoni ta’ interess, abbażi ta’ kriterji tal-għażla stipulati f’dik is-sejħa.
2. Għal kull mandat imsemmi fl-Artikolu 4, l-għadd ta’ esperti għandu jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (il-“Bord”), u stabbilit fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 1. L-għadd ta’ esperti fuq il-bord xjentifiku fl-ebda każ ma għandu jaqbeż is-60.
3. L-esperti għandhom jintgħażlu fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu żgurati:
(a) għarfien espert xjentifiku, tekniku jew soċjotekniku multidixxiplinari u interdixxiplinari adegwat u aġġornat relatat mal-intelliġenza artifiċjali, l-impatti tal-intelliġenza artifiċjali, jew inkella rilevanti għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) 2024/1689, inkluż l-għarfien espert li jappartjeni għas-setturi applikati, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza, kif xieraq;
(b) l-indipendenza minn kwalunkwe fornitur tas-sistema tal-IA jew tal-mudell tal-IA bi skop ġenerali kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament (UE) 2024/1689;
(c) l-imparzjalità u l-oġġettività kif stabbilit fl-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) 2024/1689;
(d) il-kapaċità li l-attivitajiet jitwettqu b’mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.
4. Fl-għażla tal-esperti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li mill-inqas ċittadin wieħed u mhux aktar minn tlieta minn kull Stat Membru tal-Unjoni u kull membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jinħatru bħala esperti fil-bord xjentifiku, dment li jkun hemm applikanti minn dak il-pajjiż li jissodisfaw il-kriterji stipulati fis-sejħa u dment li tkun tista’ tinkiseb kopertura komprensiva biżżejjed tal-oqsma rilevanti ta’ għarfien espert. Iċ-ċittadini mill-Istati Membri tal-Unjoni u l-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom jikkostitwixxu mill-inqas erbgħa minn kull ħames esperti fuq il-bord xjentifiku.
5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura sa fejn ikun possibbli l-bilanċ bejn il-ġeneri fl-għażla tal-esperti. Għal dak l-għan, kull meta l-għażla tkun teħtieġ deċiżjoni bejn żewġ kandidati ugwalment kwalifikati, il-Kummissjoni għandha tagħti preferenza lill-ġeneru sottorappreżentat.
6. L-esperti li jissodisfaw il-kriterji stipulati fis-sejħa, iżda li ma jiġux maħtura fil-bord xjentifiku, għandhom jiġu inklużi f’lista ta’ riżerva ta’ esperti disponibbli (il-“lista ta’ riżerva”), li għandha tkun valida għat-tul tal-mandat tal-bord imsemmi fl-Artikolu 4.

Artikolu 4: Mandat Iftaħ bħala paġna

1. L-esperti għandhom jinħatru bħala membri tal-bord xjentifiku għal terminu limitat ta’ sentejn, bil-possibbiltà ta’ tiġdid.
2. Meta espert jirriżenja jew ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 10 u 13 ta’ dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tneħħi lil dak l-espert.
3. Meta espert jitkeċċa matul il-mandat tiegħu jew tagħha, għandu jinħatar sostitut għal dak l-espert mil-lista ta’ riżerva mill-Kummissjoni għall-bqija tal-mandat, jew, fejn meħtieġ, wara sejħa għal espressjoni ta’ interess. Meta taħtar sostitut, il-Kummissjoni għandha timmira li tiżgura l-kontinwità tal-għarfien espert, ir-rappreżentanza ġeografika u l-bilanċ bejn il-ġeneri.

Artikolu 5: President u Viċi President Iftaħ bħala paġna

1. Fil-bidu ta’ kull mandat imsemmi fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha taħtar President u Viċi President minn fost il-membri tal-bord xjentifiku. Għal dak l-għan, il-bord xjentifiku għandu, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jirrakkomanda President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu.
2. Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jsegwi l-mandat tal-bord xjentifiku msemmi fl-Artikolu 4 għandu jkun jista’ jiġġedded darba. Kwalunkwe sostituzzjoni tal-President jew tal-Viċi President matul il-mandat għandha ssir skont il-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 u għandha tkun valida għall-bqija tal-mandat.

Artikolu 6: Segretarjat Iftaħ bħala paġna

1. L-Uffiċċju għall-IA u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandhom jipprovdu b’mod konġunt is-segretarjat (is-“Segretarjat”) għall-bord xjentifiku.
2. Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli biex jipprovdi l-appoġġ meħtieġ għall-funzjonament effiċjenti tal-bord xjentifiku. Is-Segretarjat għandu b’mod partikolari:
jidentifika u jimmaniġġja l-kunflitti ta’ interess potenzjali;
jimmonitorja l-konformità mar-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 8 u l-konformità mat-talbiet għat-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689;
jipproċessa talbiet mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq lill-bord xjentifiku għal għarfien espert addizzjonali;
jipproċessa talbiet mill-Istati Membri għal appoġġ minn esperti għall-fini tal-infurzar tagħhom tar-Regolament (UE) 2024/1689 fil-livell nazzjonali.

Artikolu 7: Twettiq tal-kompiti u tħejjija tad-dokumenti Iftaħ bħala paġna

1. Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-President, għandha taħtar membri tal-bord xjentifiku għat-twettiq tal-kompiti tal-bord abbażi tal-għarfien espert, id-disponibbiltà u fatturi oħrajn rilevanti għat-twettiq effiċjenti tal-kompitu inkwistjoni, inklużi l-kunflitti ta’ interess possibbli u t-tħassib dwar is-sigurtà. Il-Membri tal-bord xjentifiku għandhom jiġu kkonsultati qabel il-ħatra potenzjali tagħhom u għandu jkollhom il-possibbiltà li jesprimu interess fil-ħatra.
2. Għal kull kompitu skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-President, tista’ taħtar relatur u żewġ kontributuri. Il-membri tal-bord xjentifiku jistgħu fi kwalunkwe ħin jiddeċiedu li jħejju allerti kwalifikati skont l-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2024/1689 jew kompiti oħra tal-bord xjentifiku fuq inizjattiva tagħhom stess.
3. Meta espert ma jkunx għadu jista’ jwettaq il-kompitu allokat lilu b’mod effettiv, l-espert għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, li għandha taħtar membru ieħor tal-bord xjentifiku f’konsultazzjoni mal-President skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.
4. Meta l-Kummissjoni taħtar espert mill-bord xjentifiku biex iwettaq evalwazzjonijiet f’ismu skont l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (UE) 2024/1689, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk tali ħatra tistax taffettwa l-kapaċità tal-espert li jwettaq kompitu attwalment assenjat fil-bord xjentifiku b’mod indipendenti, imparzjali u oġġettiv. Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li tali ħatra tista’ taffettwa b’mod negattiv tali kapaċità, l-espert għandu jiġi eżentat mill-kompitu attwalment assenjat ikkonċernat, li għandu jiġi allokat lil membru ieħor tal-bord xjentifiku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.
5. Il-bord xjentifiku jista’ jwettaq seduti ta’ smigħ tematiċi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġbor evidenza għat-tħejjija tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 68(3) u 90 tar-Regolament (UE) 2024/1689. Għal dak l-għan, jekk mill-inqas tliet membri tal-bord jitolbu dan, il-President jista’ jitlob lis-Segretarjat jorganizza tali seduti ta’ smigħ. Il-parteċipazzjoni u l-konklużjonijiet ta’ tali seduti ta’ smigħ għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 8: Regoli ta’ Proċedura Iftaħ bħala paġna

1. Fuq proposta mis-Segretarjat u bi qbil miegħu, il-bord xjentifiku għandu jadotta regoli ta’ proċedura b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.
2. Ir-regoli ta’ proċedura għall-bord xjentifiku għandhom jipprovdu, fost oħrajn, għal:
(a) proċeduri għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku kif imsemmi fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689;
(b) regoli li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 13 ta’ dan ir-Regolament;
(c) regoli relatati mal-votazzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta’ silenzju.
3. Il-bord xjentifiku għandu, bi qbil mas-Segretarjat, jirrevedi r-regoli ta’ proċedura mill-inqas kull sentejn fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-funzjonament effettiv tal-bord xjentifiku u, fejn meħtieġ, jaġġornahom.
4. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq sit web iddedikat tal-Kummissjoni.

Artikolu 9: Remunerazzjoni Iftaħ bħala paġna

1. L-esperti għandhom jitħallsu jekk ikunu nħatru bħala relatur jew kontributur għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni, meta tali kompiti jkunu ntalbu mill-Uffiċċju għall-IA skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689.
2. L-ispejjeż tal-ivjaġġar u, fejn is-Segretarjat iqis xieraq, ta’ sussistenza tal-esperti b’rabta mal-attivitajiet tal-bord xjentifiku għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 10: Indipendenza, imparzjalità u oġġettività Iftaħ bħala paġna

1. L-esperti għandhom jinħatru jew jiġu assenjati fil-kapaċità personali tagħhom. Dawn ma għandhomx jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil xi persuna oħra.
2. L-esperti għandhom ikunu indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ sistemi tal-IA jew mudelli tal-IA bi skop ġenerali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/1689, u huwa meħtieġ li l-espert la għandu jkun impjegat u lanqas f’relazzjoni kuntrattwali ma’ tali fornitur matul il-mandat kollu msemmi fl-Artikolu 4, għaliex jistgħu jaffettwaw l-indipendenza, l-imparzjalità u l-oġġettività tagħhom.
3. Huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ interess li tindika kwalunkwe interess li jista’ jikkomprometti jew li jista’ raġonevolment jitqies li jikkomprometti l-indipendenza, l-imparzjalità u l-oġġettività tagħhom, inkluża kwalunkwe ċirkostanza rilevanti relatata mal-membri tal-qraba tagħhom. Għandu jiġi pprovdut mudell għal tali dikjarazzjoni ta’ interess bħala Anness għas-sejħa għal espressjoni ta’ interess u d-dikjarazzjoni ta’ interess għandha tiġi ppreżentata bħala parti mill-applikazzjoni.
4. L-esperti għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjonijiet ta’ interess tagħhom:
qabel il-ħatra fil-bord xjentifiku jew qabel ma jiddaħħlu fil-lista ta’ riżerva;
kull meta sseħħ bidla fiċ-ċirkostanzi.
5. Meta l-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jieħu l-miżuri xierqa kollha, inkluż it-tkeċċija tal-espert mill-bord.

Artikolu 11: Impenn Iftaħ bħala paġna

1. L-esperti għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku u josservaw il-prinċipji elenkati fl-Artikoli 10 sa 13. Għal dak l-għan, huma għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ impenn.
2. L-esperti għandhom iwieġbu għal talbiet u komunikazzjonijiet oħrajn mill-President u mis-Segretarjat. Huma għandhom jiddedikaw l-isforz meħtieġ biex iwettqu l-kompiti assenjati bl-aħjar mod li jistgħu u fl-iskedi ta’ żmien kif deskritt fir-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 12: Trasparenza Iftaħ bħala paġna

L-attivitajiet tal-bord xjentifiku għandhom jitwettqu b’mod trasparenti. Is-Segretarjat għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta tal-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed:
1. l-ismijiet tal-esperti maħtura fil-bord xjentifiku;
2. il-curriculum vitae u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi, il-kunfidenzjalità u l-impenn tal-esperti maħtura fil-bord xjentifiku;
3. ir-regoli ta’ proċedura tal-bord xjentifiku msemmi fl-Artikolu 8;
4. opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet ipprovduti fit-twettiq tal-kompiti skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, ħlief meta dan ikun jinvolvi d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali jew interessi strateġiċi tal-Unjoni;
5. il-parteċipazzjoni u l-konklużjonijiet għas-seduti ta’ smigħ tematiċi msemmija fl-Artikolu 7(4).

Artikolu 13: Kunfidenzjalità Iftaħ bħala paġna

1. L-esperti ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali li jkunu kisbu bħala parti mill-ħidma tagħhom fil-bord xjentifiku jew bħala riżultat ta’ attivitajiet oħra rregolati minn dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, huma għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità.
2. L-esperti għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
3. L-esperti għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 3Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni ([ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41](https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/AUTO/?uri=OJ:L:2015:072:TOC), ELI: [http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj](http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj)). u (UE, Euratom) 2015/444 4Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat- 13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE ([ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53](https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/AUTO/?uri=OJ:L:2015:072:TOC), ELI: [http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj](http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj))..
4. Meta l-obbligi msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha, inkluż it-tkeċċija tal-espert mill-bord xjentifiku.
KAPITOLU III
Appoġġ Għall-Awtoritajiet Tas-Sorveljanza Tas-Suq Iftaħ bħala paġna

Artikolu 14: Talbiet għal appoġġ mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq Iftaħ bħala paġna

1. L-Uffiċċju għall-IA għandu jipprevedi mezzi prattiċi għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jitolbu assistenza mill-bord xjentifiku għall-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2024/1689.
2. Kwalunkwe talba għal appoġġ mill-bord xjentifiku għandha tiddikjara b’mod ċar l-għan tal-assistenza mitluba u għandha ssir biss fir-rigward tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2024/1689, u tissostanzja l-ħtieġa u l-proporzjonalità tat-talba għall-assistenza tal-bord xjentifiku.
3. L-Uffiċċju għall-IA għandu jevalwa l-ħtieġa u l-proporzjonalità tat-talba għal appoġġ, filwaqt li jqis il-kapaċità disponibbli tal-bord xjentifiku u l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-esperti għall-Istati Membri kollha.
4. Meta l-Uffiċċju għall-IA, wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jikkonkludi li t-talba hija meħtieġa u proporzjonata, il-Kummissjoni għandha taħtar relatur u żewġ kontributuri għall-kompitu f’konformità mal-Artikolu 7.
5. Meta l-Uffiċċju għall-IA jaċċerta li l-appoġġ mitlub ma jkunx meħtieġ u proporzjonat, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq rikjedenti, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut.
6. L-Uffiċċju għall-IA għandu jipproċessa t-talba fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi t-talba sħiħa. Fi kwalunkwe mument qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jitlob lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq rikjedenti tipprovdi informazzjoni addizzjonali biex tissostanzja t-talba. F’dan il-każ, it-talba ma għandhiex titqies kompluta qabel ma tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali.
KAPITOLU IV
Talbiet Għall-Assistenza Iftaħ bħala paġna

Artikolu 15: Talba għall-assistenza tal-Uffiċċju għall-IA Iftaħ bħala paġna

1. Meta, f’konformità mal-Artikolu 91(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, il-bord xjentifiku jitlob lill-Kummissjoni toħroġ talba għal dokumentazzjoni jew informazzjoni lil fornitur ta’ mudelli tal-IA bi skop ġenerali u tagħti aċċess għall-informazzjoni riċevuta sa fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat għat-twettiq ta’ kompitu msemmi fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689 (“talba għall-assistenza”), għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.
2. Tista’ tinħareġ talba għall-assistenza lill-Uffiċċju għall-IA mill-membru tal-bord xjentifiku li jkun inħatar mis-Segretarjat bħala relatur għal kompitu tal-bord xjentifiku. Tali talba għandha ssir biss meta mill-inqas terz tal-membri tal-bord xjentifiku jkunu awtorizzaw lir-relatur biex jagħmel dan.
3. It-talba għall-assistenza għandha tiddikjara b’mod ċar l-isem tar-relatur u tal-kontributuri rikjedenti u l-iskop tal-assistenza mitluba u għandha ssir biss għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689. Sabiex turi l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tali talba, kif meħtieġ mill-Artikolu 91(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, it-talba għandha tissostanzja:
(a) li rifjut li tingħata l-assistenza mitluba jipprevjeni lir-relatur rikjedenti milli jwettaq il-kompitu tiegħu msemmi fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689;
(b) li l-ammont, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-granularità u t-tip ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni mitluba ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb it-twettiq tal-kompitu.

Artikolu 16: Ipproċessar tat-talba għall-assistenza Iftaħ bħala paġna

1. L-Uffiċċju għall-IA għandu jivvaluta jekk il-ħruġ ta’ talba għal dokumentazzjoni jew informazzjoni lil fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali huwiex meħtieġ u proporzjonat għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.
2. Meta l-Uffiċċju għall-IA, wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jikkonkludi li talba għall-assistenza tkun meħtieġa u proporzjonata, dan jista’ jħejji deċiżjoni biex il-Kummissjoni toħroġ talba għal dokumentazzjoni jew informazzjoni lil fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2024/1689 u jagħti lill-bord aċċess għad-dokumentazzjoni jew għall-informazzjoni riċevuta.
3. Meta l-Uffiċċju għall-IA jaċċerta li l-assistenza mitluba ma tkunx meħtieġa u proporzjonata, huwa għandu jinnotifika lill-bord xjentifiku, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut.
4. L-Uffiċċju għall-IA għandu jirrapporta regolarment lill-Bord dwar it-talbiet riċevuti u d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ dawk it-talbiet.
5. L-Uffiċċju għall-IA għandu jipproċessa t-talba fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi t-talba kompluta. Fi kwalunkwe mument qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jitlob lill-membru rikjedenti tal-bord xjentifiku jipprovdi informazzjoni addizzjonali biex jissostanzja t-talba. F’dan il-każ, it-talba ma għandhiex titqies kompluta qabel ma tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali.

Artikolu 17: Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ aċċess għad-dokumentazzjoni jew għall-informazzjoni riċevuta Iftaħ bħala paġna

1. L-Uffiċċju għall-IA għandu jipprovdi mezzi siguri li permezz tagħhom ikun jista’ jagħmel disponibbli d-dokumentazzjoni jew l-informazzjoni riċevuta, li l-Kummissjoni tkun talbet wara talba għall-assistenza, lir-relatur rikjedenti tal-bord xjentifiku.
2. L-aċċess għall-informazzjoni mitluba għandu jkun ristrett għar-relatur u l-kontributuri maħtura u għandu jkun limitat fiż-żmien, bil-possibbiltà ta’ estensjoni fuq talba debitament ġustifikata.
3. Qabel ma jagħti aċċess għad-dokumentazzjoni jew għall-informazzjoni riċevuta, l-Uffiċċju għall-IA għandu jirrikjedi li r-relatur jissottometti:
(a) awtodikjarazzjoni biex l-informazzjoni tintuża biss għall-finijiet iddikjarati msemmija fl-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-Regolament;
(b) deskrizzjoni tal-modalitajiet u s-salvagwardji biex jiġi żgurat it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni riċevuta.
4. L-Uffiċċju għall-IA għandu jkun jista’ jirrifjuta l-aċċess għad-data mitluba, meta abbażi tal-informazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 3, ikollu raġunijiet biex jassumi li hemm riskji raġonevolment prevedibbli relatati mas-sigurtà jew il-kunfidenzjalità tad-data.
KAPITOLU V
Ħruġ Ta’ Allerti Kwalifikati Iftaħ bħala paġna

Artikolu 18: Proċedura għall-ħruġ ta’ allerti kwalifikati Iftaħ bħala paġna

1. Għandha tkun meħtieġa deċiżjoni minn mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri tal-bord xjentifiku biex jinħareġ allert kwalifikat lill-Uffiċċju għall-IA skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (UE) 2024/1689. Il-bord xjentifiku jista’ jintroduċi proċeduri aktar speċifiċi fir-regoli ta’ proċedura tiegħu msemmija fl-Artikolu 8.
2. Allerti kwalifikati għandhom ikunu debitament motivati u jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 90(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689.
3. L-Uffiċċju għall-IA għandu jipprovdi interfaċċa ddedikata għat-trażmissjoni sigura ta’ allerti kwalifikati. Din l-interfaċċa għandu jkun fiha mill-inqas il-funzjonalitajiet li ġejjin:
(a) li jintbagħtu allerti kwalifikati skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (UE) 2024/1689;
(b) l-irtirar ta’ allerti kwalifikati, il-korrezzjoni tal-informazzjoni li tinsab f’allerti kwalifikati, u l-modifika ta’ allerti kwalifikati;
(c) l-għeluq ta’ allerti kwalifikati.

Artikolu 19: Trattament ta’ allerti kwalifikati Iftaħ bħala paġna

1. L-Uffiċċju għall-IA għandu jevalwa l-allerti kwalifikati maħruġa skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (UE) 2024/1689 u jieħu deċiżjoni dwar jekk għandux iniedi xi miżura kif previst fl-Artikoli 91 sa 93 ta’ dak ir-Regolament. Meta l-Uffiċċju għall-IA jiddeċiedi li ma jniedi l-ebda miżura kif previst fl-Artikoli 91 sa 93, huwa għandu jagħlaq l-allert kwalifikat.
2. L-Uffiċċju għall-IA għandu jipproċessa l-allert kwalifikat fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi allert kwalifikat komplut. Fi kwalunkwe mument qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Uffiċċju għall-IA jista’ jitlob lill-membru rikjedenti tal-bord xjentifiku jipprovdi informazzjoni addizzjonali biex jissostanzja t-talba. F’dan il-każ, l-allert kwalifikat ma għandux jitqies komplut qabel ma tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali.
3. Qabel ma jniedi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-Uffiċċju għall-IA għandu jinforma lill-Bord f’konformità mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) 2024/1689.
4. Meta l-Uffiċċju għall-IA jiddeċiedi li jniedi miżura skont l-Artikoli 91 sa 93 tar-Regolament (UE) 2024/1689, is-Segretarjat, f’konsultazzjoni mal-President tal-bord xjentifiku għandu jaħtar relatur u żewġ kontributuri responsabbli biex jagħtu pariri lill-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-miżuri.
KAPITOLU VI
Dispożizzjoni Finali Iftaħ bħala paġna

Artikolu 20: Dħul fis-seħħ Iftaħ bħala paġna

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Premessi

Premessa 1
Iftaħ bħala paġna
(1) Jenħtieġ li jiġi stabbilit bord xjentifiku ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (il-“bord xjentifiku”) biex jappoġġa l-attivitajiet ta’ infurzar skont ir-Regolament (UE) 2024/1689 u biex jagħti pariri u jappoġġa lill-Uffiċċju Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (l-“Uffiċċju għall-IA”) fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.
Premessa 2
Iftaħ bħala paġna
(2) Il-membri tal-bord xjentifiku jenħtieġ li jinħatru abbażi ta’ kriterji oġġettivi u wara sejħa pubblika għal espressjoni ta’ interess. Il-kriterji tal-għażla inklużi fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess jenħtieġ li jiżguraw li jintgħażlu esperti multidixxiplinari u interdixxiplinari bi kwalifiki għoljin, b’livell suffiċjenti ta’ għarfien espert xjentifiku, soċjotekniku jew tekniku aġġornat dwar aspetti differenti relatati mal-intelliġenza artifiċjali (“IA”), l-impatti tal-IA, jew b’xi mod ieħor rilevanti għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) 2024/1689, inkluż għarfien espert fis-setturi applikati, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza, kif xieraq, u li jkunu jistgħu jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess jenħtieġ li tistabbilixxi l-proċedura ta’ applikazzjoni. Id-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jinkludu dikjarazzjonijiet maħruġa minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li hija membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, li tiċċertifika l-għarfien espert xjentifiku, soċjotekniku jew tekniku tal-kandidati.
Premessa 3
Iftaħ bħala paġna
(3) Biex jiġi żgurat funzjonament effettiv filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata d-diversità tal-għarfien espert, l-għadd ta’ esperti li għandhom jinħatru fil-bord xjentifiku jenħtieġ li ma jkunx aktar minn 60, kif ikkonsultat mal-Bord Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (il-“Bord”). Għal kull mandat, l-għadd ta’ esperti li għandhom jinħatru fil-bord xjentifiku jenħtieġ li jiġi ddeterminat u speċifikat fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, abbażi tal-ammont ta’ xogħol mistenni u l-għarfien espert meħtieġ, f’kull każ determinat f’konsultazzjoni mal-Bord. Il-Kummissjoni se tevalwa l-għadd massimu ta’ esperti abbażi tal-esperjenza miksuba u se tikkunsidra li tirrevedih bħala parti minn rieżami possibbli ta’ dan ir-Regolament.
Premessa 4
Iftaħ bħala paġna
(4) Jenħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji għall-għażla ta’ grupp varjat ta’ esperti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, sa fejn ikun possibbli, bilanċ bejn il-ġeneri u rappreżentanza ġeografika ġusta fl-għażla tal-esperti. Sabiex tinkiseb rappreżentanza ġeografika ġusta, jenħtieġ li jinħatar mill-inqas ċittadin wieħed minn kull Stat Membru tal-Unjoni u minn kull membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li hija membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, dment li jkun hemm applikant minn dawk il-pajjiżi li jissodisfa l-kriterji tas-sejħa. Fi kwalunkwe każ, ma għandux ikun hemm aktar minn tliet esperti minn kull wieħed minn dawk il-pajjiżi. Sabiex tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-introduzzjoni ta’ perspettivi differenti fil-bord xjentifiku, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu jinħatru bħala esperti. Madankollu, mill-inqas erbgħa minn kull ħames esperti tal-bord xjentifiku jenħtieġ li jkunu ċittadini mill-Istati Membri tal-Unjoni jew minn membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea.
Premessa 5
Iftaħ bħala paġna
(5) Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti tal-bord xjentifiku, jenħtieġ li l-Uffiċċju għall-IA u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea jipprovdu b’mod konġunt lis-Segretarjat tiegħu.
Premessa 6
Iftaħ bħala paġna
(6) L-organizzazzjoni tal-bord xjentifiku għandha tiżgura l-flessibbiltà sabiex l-għarfien speċjalizzat ikun jista’ jintuża abbażi tal-ħtiġijiet meħtieġa. Għal dan l-għan, il-President u s-Segretarjat jenħtieġ li jaħtru relatur u kontributuri rilevanti għal kompiti individwali tal-bord xjentifiku, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, l-għarfien espert, inkluż l-għarfien espert settorjali, id-disponibbiltà, il-kunflitti ta’ interess possibbli u t-tħassib dwar is-sigurtà.
Premessa 7
Iftaħ bħala paġna
(7) Minħabba l-kontribut tal-bord xjentifiku biex jintlaħqu l-objettivi tal-politiki tal-Unjoni, billi jiġu appoġġati l-attivitajiet ta’ infurzar skont ir-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li l-esperti jirċievu remunerazzjoni adegwata għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku fuq talba tal-Uffiċċju għall-IA. Dik ir-remunerazzjoni jenħtieġ li tiġi ddeterminata f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 237 tar-Regolament (UE) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ([ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1](https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/AUTO/?uri=OJ:L:2018:193:TOC), ELI: [http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj](http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj))..
Premessa 8
Iftaħ bħala paġna
(8) Biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, jenħtieġ li l-esperti tal-bord xjentifiku ikunu indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ sistemi tal-IA jew ta’ mudelli tal-IA bi skop ġenerali u jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti, imparzjali u oġġettiv. Sabiex tiġi żgurata l-fiduċja fil-ħidma tal-bord xjentifiku, l-esperti jenħtieġ li jfasslu dikjarazzjonijiet ta’ interess u impenn biex jaġixxu fl-interess pubbliku, li jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku. Għall-istess għan, il-kompiti tal-bord xjentifiku jenħtieġ li jitwettqu b’mod trasparenti u s-sħubija tiegħu jenħtieġ li tkun disponibbli għall-pubbliku.
Premessa 9
Iftaħ bħala paġna
(9) Sabiex jippermettu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali meħtieġa għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu appoġġ mill-bord xjentifiku għall-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom skont dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Uffiċċju għall-IA jipprevedi l-mezzi prattiċi li jippermettu lill-Istati Membri jitolbu tali appoġġ. It-talbiet għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati u pproċessati mill-Uffiċċju għall-IA fil-ħin.
Premessa 10
Iftaħ bħala paġna
(10) Sabiex jiġi żgurat li l-bord xjentifiku jkun jista’ joħroġ b’mod effettiv allerti kwalifikati lill-Uffiċċju għall-IA skont l-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti dettaljati għall-ħruġ ta’ tali allerti kwalifikati. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jipprovdi interfaċċa sigura li permezz tagħha l-bord xjentifiku jkun jista’ jittrażmetti allerti kwalifikati u l-evidenza li tappoġġa tali allerti. Minħabba r-rilevanza u l-implikazzjonijiet possibbli ta’ allert kwalifikat għal fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali, jenħtieġ li tali allert jirrikjedi deċiżjoni minn mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri tal-bord xjentifiku.
Premessa 11
Iftaħ bħala paġna
(11) Biex il-bord xjentifiku jingħata s-setgħa li jwettaq b’mod effettiv il-kompiti tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti dettaljati biex il-bord xjentifiku u l-membri tiegħu jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju għall-IA għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi previst il-mod kif il-bord xjentifiku jista’ jitlob li l-Kummissjoni toħroġ talba għal informazzjoni lil fornitur ta’ mudell tal-IA bi skop ġenerali skont l-Artikolu 91(3) tar-Regolament (UE) 2024/1689.
Premessa 12
Iftaħ bħala paġna
(12) Tali talba jenħtieġ li ssir minn membru tal-bord xjentifiku li jinħatar bħala relatur għal kompitu tal-bord xjentifiku, appoġġat minn mill-inqas terz tal-membri tal-bord xjentifiku. It-talba jenħtieġ li tissostanzja kif xieraq għaliex talba għal informazzjoni u aċċess għall-informazzjoni mitluba huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-bord xjentifiku. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jivvaluta l-ħtieġa u l-proporzjonalità tat-talba, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Meta l-Uffiċċju għall-IA jiddeċiedi li jonora t-talba, jenħtieġ li jħejji talba għal informazzjoni minn fornitur, li għandha tinħareġ mill-Kummissjoni, u jagħmel l-informazzjoni riċevuta disponibbli għall-membri rilevanti tal-bord xjentifiku. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jistabbilixxi mezzi tekniċi siguri, li jenħtieġ li jkunu adattati għall-iskop tagħhom u joperaw bi standard għoli, kif xieraq, biex jagħti aċċess għal tali informazzjoni, li jenħtieġ li tkun ristretta għall-membri tal-bord xjentifiku li jagħmlu t-talba, li jenħtieġ li jkunu r-relatur maħtur u l-kontributuri għal kompitu tal-bord xjentifiku. Il-membri li jagħmlu t-talba jenħtieġ li, qabel ma jirċievu d-data, jissottomettu awtodikjarazzjoni fejn jiddikjaraw li biħsiebhom biss jużaw l-informazzjoni rikjesta għall-fini ddikjarat u jiddeskrivu l-modalitajiet u s-salvagwardji biex jiġi żgurat it-trattament tad-data kunfidenzjali. L-Uffiċċju għall-IA jenħtieġ li jkun jista’ jirrifjuta talba jekk, abbażi tal-informazzjoni sottomessa minn membru tal-bord xjentifiku, ikollu raġunijiet biex jassumi li hemm riskji raġonevolment prevedibbli relatati mas-sigurtà jew il-kunfidenzjalità tad-data.
Premessa 13
Iftaħ bħala paġna
(13) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali,

Noti f'qiegħ il-paġna

[2] Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).
[3] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).
[4] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat- 13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).
Compare across languages
Languages: