AI Act Documents:

Artikolu 3: Definizzjonijiet

Japplika minn 2 ta’ Frar 2025, skont Artikolu 113(a)
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. “sistema tal-IA” tfisser sistema bbażata fuq magna li hija mfassla biex topera b'livelli differenti ta' awtonomija u li tista' turi adattabbiltà wara l-implimentazzjoni, u li, għal objettivi espliċiti jew impliċiti, tinferixxi, mill-input li tirċievi, kif tiġġenera outputs bħal previżjonijiet, kontenut, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw ambjenti fiżiċi jew virtwali;
2. “riskju” tfisser il-kombinazzjoni tal-probabbiltà li sseħħ ħsara u s-severità ta' dik il-ħsara;
3. “fornitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jiżviluppa sistema tal-IA jew mudell tal-IA bi skop ġenerali jew li jikkummissjona l-iżvilupp ta' sistema tal-IA jew mudell tal-IA bi skop ġenerali u jintroduċih fis-suq jew iqiegħed is-sistema tal-IA fis-servizz taħt ismu jew bit-trademark tiegħu stess, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;
4. “implimentatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li juża' sistema tal-IA taħt l-awtorità tiegħu stess ħlief meta s-sistema tal-IA tintuża waqt attività personali mhux professjonali;
5. “rappreżentant awtorizzat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun tinsab jew li hija stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet u aċċettat mandat bil-miktub mingħand fornitur ta' sistema tal-IA jew ta' mudell tal-IA bi skop ġenerali biex, rispettivament, teżegwixxi u twettaq f'ismu l-obbligi u l-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament;
6. “importatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun tinsab jew li hija stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi fis-suq sistema tal-IA li jkollha l-isem jew it-trademark ta' persuna fiżika jew ġuridika stabbilita f'pajjiż terz;
7. “distributur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-fornitur jew l-importatur, li tqiegħed is-sistema tal-IA disponibbli fis-suq tal-Unjoni;
8. “operatur” tfisser fornitur, manifattur tal-prodott, implimentatur, rappreżentant awtorizzat, importatur jew distributur;
9. “introduzzjoni fis-suq” tfisser l-ewwel darba li sistema tal-IA jew mudell tal-IA bi skop ġenerali ssir disponibbli fis-suq tal-Unjoni;
10. “tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq” tfisser il-forniment ta' sistema tal-IA jew ta' mudell tal-IA bi skop ġenerali għad-distribuzzjoni jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;
11. “tqegħid fis-servizz” tfisser il-forniment ta' sistema tal-IA għall-ewwel użu direttament lill-implimentatur jew għall-użu proprju fl-Unjoni għall-għan maħsub tagħha;
12. “għan maħsub” tfisser l-użu li għalih sistema tal-IA tkun maħsuba mill-fornitur, inkluż il-kuntest speċifiku u l-kundizzjonijiet tal-użu, kif speċifikati fl-informazzjoni pprovduta mill-fornitur fl-istruzzjonijiet għall-użu, fil-materjali u fid-dikjarazzjonijiet promozzjonali jew tal-bejgħ, kif ukoll fid-dokumentazzjoni teknika;
13. “użu ħażin raġonevolment prevedibbli” tfisser l-użu ta' sistema tal-IA b'mod li ma jkunx f'konformità mal-għan maħsub tagħha, iżda li jista' jirriżulta minn imġiba tal-bniedem jew interazzjoni ma' sistemi oħra, inkluż sistemi oħra tal-IA, raġonevolment prevedibbli;
14. “komponent tas-sikurezza” tfisser komponent ta” prodott jew ta” sistema tal-IA li jaqdi funzjoni tas-sikurezza għal dak il-prodott jew għal dik is-sistema tal-IA, jew li l-falliment jew il-funzjonament ħażin tiegħu jipperikola s-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew ta” proprjetà; għall-finijiet ta” din id-definizzjoni, komponent jissodisfa funzjoni ta” sikurezza meta l-għan maħsub tiegħu jkun li jipprevjeni jew itaffi r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew tal-proprjetà;
14a. “intrapriża mikro, żgħira u medja” jew “SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta” daqs medju kif definita fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;
14b. “intrapriża żgħira b”kapitalizzazzjoni medja” jew “SMC” tfisser intrapriża żgħira b”kapitalizzazzjoni medja kif definita fil-punt (2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2025/1099;
15. “struzzjonijiet għall-użu” tfisser l-informazzjoni pprovduta mill-fornitur biex jinforma lill-implimentatur, b’mod partikolari, dwar l-għan maħsub u l-użu xieraq ta' sistema tal-IA;
16. “sejħa lura ta' sistema tal-IA” tfisser kwalunkwe miżura mmirata lejn il-kisba tar-ritorn lill-fornitur jew it-tneħħija mis-servizz jew id-diżattivazzjoni tal-użu ta' sistema tal-IA mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-implimentaturi;
17. “irtirar ta' sistema tal-IA” tfisser kwalunkwe miżura maħsuba biex iżżomm sistema tal-IA fil-katina tal-provvista milli ssir disponibbli fis-suq;
18. “prestazzjoni ta' sistema tal-IA” tfisser il-kapaċità ta' sistema tal-IA li tilħaq l-għan maħsub tagħha;
19. “awtorità tan-notifika” tfisser l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-istabbiliment u t-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni, id-deżinjazzjoni u n-notifika tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ tagħhom;
20. “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess biex jintwera jekk ir-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu III, it-Taqsima 2 relatati ma' sistema tal-IA b'riskju għoli ġewx issodisfati;
21. “korp ta' valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità ta' parti terza, inkluż l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni;
22. “korp notifikat” tfisser korp ta' valutazzjoni tal-konformità notifikat f'konformità ma' dan ir-Regolament u ma' leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni;
23. “modifika sostanzjali” tfisser bidla f'sistema tal-IA wara l-introduzzjoni tagħha fis-suq jew it-tqegħid tagħha fis-servizz li ma tkunx prevista jew ippjanata fil-valutazzjoni tal-konformità inizjali li tkun saret mill-fornitur u li b'riżultat tagħha tiġi affettwata l-konformità tas-sistema tal-IA mar-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu III, it-Taqsima 2, jew li tirriżulta f'modifika fl-għan maħsub li għalih tkun ġiet ivvalutata s-sistema tal-IA;
24. “markatura CE” tfisser marka li permezz tagħha fornitur jindika li sistema tal-IA hi konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu III, it-Taqsima 2 u ma' leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, li tipprevedi t-twaħħil tagħha;
25. “sistema ta' sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq” tfisser l-attivitajiet kollha mwettqa mill-fornituri tas-sistemi tal-IA biex jiġbru u jirrieżaminaw l-esperjenza miksuba mill-użu tas-sistemi tal-IA li jintroduċu fis-suq jew iqiegħdu fis-servizz bl-għan li jidentifikaw xi ħtieġa li japplikaw minnufih azzjoni korrettiva jew preventiva meħtieġa;
26. “awtorità tas-sorveljanza tas-suq” tfisser l-awtorità nazzjonali li twettaq l-attivitajiet u li tieħu l-miżuri skont ir-Regolament (UE) 2019/1020;
27. “standard armonizzat” tfisser standard Ewropew kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;
28. “speċifikazzjoni komuni” tfisser sett ta' speċifikazzjonijiet tekniċi, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, li tipprovdi mezz biex jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti stabbiliti taħt dan ir-Regolament;
29. “data għat-taħriġ” tfisser data użata għat-taħriġ ta' sistema tal-IA bl-attrezzar tal-parametri tagħha li jistgħu jiġu mgħallma;
30. “data għall-validazzjoni” tfisser data użata biex tiġi provduta evalwazzjoni tas-sistema tal-IA mħarrġa u għall-irfinar tal-parametri tagħha li ma jistgħux jiġu mgħallma u tal-proċess tat-tagħlim tagħha, sabiex, fost affarijiet oħra, jiġi evitat attrezzar insuffiċjenti jew attrezzar żejjed;
31. “sett ta' data ta' validazzjoni” tfisser sett ta' data separat jew parti mis-sett ta' data dwar it-taħriġ, bħala qsim fissa jew varjabbli;
32. “data għall-ittestjar” tfisser data użata biex tiġi pprovduta evalwazzjoni indipendenti tas-sistema tal-IA sabiex tiġi kkonfermata l-prestazzjoni mistennija ta' dik is-sistema qabel ma tiġi introdotta fis-suq jew imqiegħda fis-servizz;
33. “data tal-input” tfisser data pprovduta lil sistema tal-IA jew akkwistata direttament minnha li, abbażi tagħha, is-sistema tipproduċi output;
34. “data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew komportamentali ta' persuna fiżika, bħal immaġnijiet tal-wiċċ jew data dattiloskopika;
35. “identifikazzjoni bijometrika” tfisser ir-rikonoxximent awtomatizzat ta' karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi, komportamentali jew psikoloġiċi tal-bniedem għall-fini li tiġi stabbilita l-identità ta' persuna fiżika permezz tat-tqabbil tad-data bijometrika ta' dak l-individwu mad-data bijometrika ta' individwi maħżuna f'bażi tad-data;
36. “verifika bijometrika” tfisser il-verifika awtomatizzata, “one-to-one”, inkluż l-awtentikazzjoni, tal-identità tal-persuni fiżiċi permezz tat-tqabbil tad-data bijometrika tagħhom mad-data bijometrika pprovduta preċedentement;
37. “kategoriji speċjali ta' data personali” tfisser il-kategoriji ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725;
38. “data operazzjonali sensittiva” tfisser data operazzjonali relatata ma' attivitajiet ta' prevenzjoni, kxif, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali, li d-divulgazzjoni tagħha tista' tipperikola l-integrità tal-proċedimenti kriminali;
39. “sistema ta' rikonoxximent tal-emozzjonijiet” tfisser sistema tal-IA għall-fini tal-identifikazzjoni jew tal-inferiment tal-emozzjonijiet jew tal-intenzjonijiet ta' persuni fiżiċi abbażi tad-data bijometrika tagħhom;
40. “sistema ta' kategorizzazzjoni bijometrika” tfisser sistema tal-IA bil-għan li persuni fiżiċi jiġu assenjati f'kategoriji speċifiċi abbażi tad-data bijometrika tagħhom, dment li ma tkunx anċillari għal servizz kummerċjali ieħor u strettament meħtieġa għal raġunijiet tekniċi oġġettivi;
41. “sistema ta' identifikazzjoni bijometrika remota” tfisser sistema tal-IA għall-fini tal-identifikazzjoni ta' persuni fiżiċi, mingħajr l-involviment attiv tagħhom, tipikament mill-bogħod permezz tat-tqabbil tad-data bijometrika ta' persuna mad-data bijometrika li tkun tinsab f'bażi ta' data ta' referenza;
42. “sistema ta' identifikazzjoni bijometrika remota ‘fil-ħin reali’” tfisser sistema ta' identifikazzjoni bijometrika remota, li biha l-qbid tad-data bijometrika, it-tqabbil u l-identifikazzjoni kollha jseħħu mingħajr dewmien sinifikanti, li tinkludi mhux biss identifikazzjoni istantanja, iżda wkoll dewmien qasir limitat sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni;
43. “sistema ta' identifikazzjoni bijometrika remota ‘f'ħin aktar tard’” tfisser sistema ta' identifikazzjoni bijometrika remota minbarra sistema ta' identifikazzjoni bijometrika remota “fil-ħin reali”;
44. “spazju aċċessibbli għall-pubbliku” tfisser kwalunkwe post fiżiku bi sjieda pubblika jew privata aċċessibbli għal għadd indeterminat ta' persuni fiżiċi, irrispettivament minn jekk japplikawx ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess, u irrispettivament mir-restrizzjonijiet potenzjali fuq il-kapaċità;
45. “awtorità tal-infurzar tal-liġi” tfisser:
(a) kwalunkwe awtorità pubblika kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddidiet għas-sigurtà pubblika; jew
(b) kwalunkwe korp jew entità oħra fdata bil-liġi ta' Stat Membru biex teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddidiet għas-sigurtà pubblika;
46. “infurzar tal-liġi” tfisser attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew f'isimhom għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddidiet għas-sigurtà pubblika;
47. “Uffiċċju għall-IA” tfisser il-funzjoni tal-Kummissjoni li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tas-sistemi tal-IA u tal-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, u l-governanza tal-IA, prevista fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2024; ir-referenzi f'dan ir-Regolament għall-Uffiċċju għall-IA għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Kummissjoni;
48. “awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità tan-notifika jew awtorità tas-sorveljanza tas-suq; fir-rigward tas-sistemi tal-IA mqiegħda fis-servizz jew użati mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-uffiċċji u l-korpi tal-Unjoni, ir-referenzi għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq f'dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala refernzai għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;
49. “inċident serju” tfisser inċident jew ħsara ta' sistema tal-IA li direttament jew indirettament twassal għal wieħed jew waħda minn dawn:
(a) il-mewt ta' persuna jew ħsara serja għas-saħħa ta' persuna;
(b) tfixkil serju u irriversibbli fil-ġestjoni jew it-tħaddim ta' infrastruttura kritika.
(c) il-ksur ta' obbligi skont il-liġi tal-Unjoni maħsuba biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali;
(d) ħsara serja lil proprjetà jew lill-ambjent;
50. “data personali” tfisser data kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;
51. “data mhux personali” tfisser data li mhijiex data personali, kif definita fl-Artikolu 4, punt (1) tar-Regolament (UE) 2016/679;
52. “tfassil tal-profil” tfisser it-tfassil tal-profil kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679;
53. “pjan ta' ttestjar fid-dinja reali” tfisser dokument li jiddeskrivi l-objettivi, il-metodoloġija, l-ambitu ġeografiku, tal-popolazzjoni u dak temporali, il-monitoraġġ, l-organizzazzjoni u t-twettiq tal-ittestjar f'kundizzjonijiet tad-dinja reali;
54. “pjan tal-ambjent ta' esperimentazzjoni” tfisser dokument maqbul bejn il-fornitur parteċipanti u l-awtorità kompetenti li jiddeskrivi l-objettivi, il-kundizzjonijiet, il-perjodu ta' żmien, il-metodoloġija u r-rekwiżiti għall-attivitajiet imwettqa fl-ambjent ta' esperimentazzjoni;
55. “ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA” tfisser qafas ikontrollat stabbilit minn awtorità nazzjonali kompetenti li joffri lill-fornituri jew lil fornituri prospettivi ta' sistemi tal-IA l-possibbiltà li jiżviluppaw, iħarrġu, jivvalidaw u jittestjaw, meta xieraq fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali, sistema innovattiva tal-IA, skont pjan ta' esperimentazzjoni għal żmien limitat taħt superviżjoni regolatorja;
56. “litteriżmu fl-IA” tfisser ħiliet, għarfien u fehim li jippermetti lill-fornituri, lill-implimentaturi u lill-persuni affettwati, b'kunsiderazzjoni għad-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, jagħmlu użu infurmat tas-sistemi tal-IA, kif ukoll jsiru konxji tal-opportunitajiet u r-riskji tal-IA u l-ħsara possibbli li tista' tikkawża;
57. “ittestjar f'kundizzjonijiet tad-dinja reali” tfisser l-ittestjar temporanju ta' sistema tal-IA għall-għan maħsub tagħha f'kundizzjonijiet tad-dinja reali barra minn laboratorju jew ambjent simulat b'xi mod ieħor, bil-ħsieb li tinġabar data affidabbli u robusta u biex tiġi vvalutata u vverifikata l-konformità tas-sistema tal-IA mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u ma jikkwalifikax bħala li qed jintroduċi s-sistema tal-IA fis-suq jew fis-servizz skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 57 jew 60;
58. “suġġett” għall-fini tal-ittestjar fid-dinja reali tfisser persuna fiżika li tieħu sehem fl-ittestjar fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali;
59. “kunsens infurmat” tfisser l-espressjoni mogħtija liberament, speċifika, mhux ambigwa u volontarja ta' suġġett tar-rieda tiegħu li jieħu sehem f'ittestjar partikolari fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali, wara li jkun ġie infurmat dwar l-aspetti kollha tal-ittestjar li huma rilevanti għad-deċiżjoni tas-suġġett li jieħu sehem;
60. “deepfake” tfisser immaġni, kontenut awdjo jew vidjo ġġenerat jew manipulat minn IA li jixbah lil persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra li jeżistu u li jidher li huwa awtentiku u veritier għall-persuna li tarah;
61. “ksur mifrux” tfisser kwalunkwe att jew ommissjoni li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni li jipproteġi l-interessi tal-individwi, li:
(a) ikun għamel ħsara jew li x'aktarx ser jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-individwi residenti f'mill-inqas żewġ Stat Membri minbarra l-Istat Membru, fejn:
(i) oriġina jew seħħ l-att jew l-ommissjoni;
(ii) jinsab jew huwa stabbilit il-fornitur ikkonċernat, jew, meta applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu; jew
(iii) huwa stabbilit l-implimentatur, meta l-ksur jitwettaq mill-implimentatur;
(b) ikun ikkawża, jikkawża jew x'aktarx ser jikkawża ħsara lill-interessi kollettivi tal-individwi u għandu karatteristiċi komuni, inkluż l-istess prattika illegali, qed jikser l-istess interess u qed iseħħ fl-istess ħin, imwettaq mill-istess operatur, f'mill-inqas tliet Stati Membri;
62. “infrastruttura kritika” tfisser infrastruttura kritika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2022/2557;
63. “mudell tal-IA bi skop ġenerali” tfisser mudell tal-IA, inkluż meta tali mudell tal-IA jitħarreġ b'ammont kbir ta' data bl-użu ta' awtosuperviżjoni fuq skala kbira, li juri ġeneralità sinifikanti u li jkun kapaċi jwettaq b'mod kompetenti firxa wiesgħa ta' kompiti distinti rrispettivament mill-mod kif il-mudell jiġi introdott fis-suq u li jista' jiġi integrat f'varjetà ta' sistemi jew applikazzjonijiet downstream, ħlief mudelli tal-IA li jintużaw għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp jew prototipar qabel ma jiġu introdotti fis-suq;
64. “kapaċitajiet b'impatt kbir” tfisser kapaċitajiet li jaqblu mal-kapaċitajiet irreġistrati fl-aktar mudelli avvanzati tal-IA bi skop ġenerali jew jaqbżuhom;
65. “riskju sistemiku” tfisser riskju li huwa speċifiku għall-kapaċitajiet b'impatt kbir tal-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, li jkollu impatt sinifikanti fuq is-suq tal-Unjoni minħabba l-firxa tiegħu, jew minħabba effetti negattivi reali jew raġonevolment prevedibbli fuq is-saħħa pubblika, is-sikurezza, is-sigurtà pubblika, id-drittijiet fundamentali jew is-soċjetà inġenerali, li jista' jiġi propogat fuq skala kbira tul il-katina tal-valur;
66. “sistema tal-IA bi skop ġenerali” tfisser sistema tal-IA li hija bbażata fuq mudell tal-IA bi skop ġenerali u li għandha l-kapaċità li taqdi varjetà ta' skopijiet, kemm għall-użu dirett kif ukoll għall-integrazzjoni f'sistemi tal-IA oħra;
67. “operazzjoni b'punt varjabbli” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew assenjazzjoni matematika li tinvolvi numri b'punt varjabbli, li huma subsett tan-numri reali tipikament rappreżentati fuq il-kompjuters minn numru sħiħ ta' preċiżjoni fissa skalat minn esponent ta' numru sħiħ ta' bażi fissa;
68. “fornitur downstream” tfisser fornitur ta' sistema tal-IA, inkluż sistema tal-IA bi skop ġenerali, li tintegra mudell tal-IA, irrispettivament minn jekk il-mudell tal-IA jkunx provdut minnu stess u integrat vertikalment jew provdut minn entità oħra abbażi ta' relazzjonijiet kuntrattwali.